Id-dikjarazzjoni dwar is-sostenibilità diġitali tagħna
Aġġornat l-aħħar:
Għandna iktar minn 80 sit web korporattiv fin-network tagħna; kull sit web għandu impronta tal-karbonju diġitali. Skopri x’qed nagħmlu biex innaqqsu l-impatt tas-siti web tagħna.
Sostenibilità diġitali
Unilever tirrikonoxxi s-sostenibilità diġitali bħala komponent integrali tal-approċċ ġenerali tagħna rigward is-sostenibilità. Għandna iktar minn 80 sit web korporattiv fin-network tagħna. Kull wieħed għandu impronta tal-karbonju diġitali mill-enerġija użata biex nospitawhom u biex intellgħu t-test, il-vidjos u l-istampi tagħhom.
Qed nistinkaw b’mod kostanti biex innaqqsu l-impatt ambjentali tagħhom u nagħmluhom iktar sostenibbli mill-aspett diġitali, filwaqt li nibqgħu nipprovdu lill-konsumaturi u lill-mistednin tagħna esperjenza tal-utent mingħajr paragun.
L-approċċ tagħna
Aħna vverifikajna xi paġni mis-siti web tan-network tagħna biex nifhmu l-impatt tagħhom u ħdimna biex nottimizzawhom u niżguraw li huma sostenibbli, aċċessibbli u faċli kemm jista’ jkun biex jintużaw.
Pereżempju:
- Qlibna għal fornitur ospitant ekoloġiku li jfisser li l-enerġija li tmexxi ċ-ċentri tad-data tagħhom u tospita s-siti tagħna tiġi ġġenerata minn sorsi nodfa u sostenibbli bħall-enerġija mir-riħ, mix-xemx jew mill-ilma.
- Naqqasna t-tagħbija tal-enerġija tal-istampi tagħna billi ssejvjajnihom f’formati effiċjenti fl-użu tal-enerġija bħal SVG u WebP li ma jaffettwawx ħażin il-kwalità tal-istampi.
- Daħħalna l-karatteristika tal-qlib tat-tema li tagħti lill-viżitaturi l-għażla li jaraw is-siti tagħna fil-“modalità skura” biex jiffrankaw l-enerġija tal-iskrin.
- Żidna l-buttuna play/pause mal-vidjos kollha tagħna. U fejn hu possibbli qed naħdmu biex nibdlu l-vidjos b’animazzjonijiet, illustrazzjonijiet u stampi statiċi.
- Ħarriġna lit-timijiet tagħna fl-aħjar prattiki tad-disinn tal-web sostenibbli biex niżguraw li d-disinjaturi, l-iżviluppaturi u l-maniġers tal-prodotti tagħna jħaddnu l-użu ta’ disinji li jsostnu s-sostenibilità.
- Nimmiraw għal baġit ta’ 1.5 megabytes għal kull paġna (il-medja globali hija ta’ 2.4 megabytes) biex intejbu l-aċċessibilità u niżguraw li kull assi jżid il-valur tal-esperjenza tal-utenti tagħna.
Kemm huwa sostenibbli s-sit web tagħna?
Minbarra li nżommu ma’ prinċipji ta’ disinn tal-web sostenibbli biex inaqqsu l-enerġija użata mill-paġni individwali, ħdimna biex niżguraw li s-siti tagħna jkunu aċċessibbli u jistgħu jintużaw, biex in-nies ma jaħlux l-enerġija biex jegħlbu l-ostakli u l-ineffiċjenzi.
Is-siti tagħna bħalissa huma konformi mal-Web Content Accessibility Guidelines (WCAG) Verżjoni 2.1 Livell AA u ġew ittestjati bl-użu ta’ metodoloġija rikonoxxuta internazzjonalment għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-karbonju diġitali.
Bħalissa fuqiex qed naħdmu?
Is-siti web tagħna jiġu ċċekkjati l-ħin kollu biex intejbu l-aċċessibilità tagħhom, u niffaċilitaw l-użu u s-sostenibilità tagħhom.
Uħud mill-vidjos li nospitaw għadhom l-funzjoni autoplay, li nafu li tuża l-enerġija b’mod intensiv. U qed inkomplu nfittxu modi biex nottimizzaw dan il-kontenut.
Qed nistinkaw ukoll biex intejbu l-Ottimizzazzjoni tal-Magni tat-Tiftix (SEO) tal-kontenut tagħna biex innaqqsu t-tagħbija tal-enerġija li tintuża biex l-utenti tagħna jsibu l-informazzjoni li l-iktar taqbel mal-ħtiġijiet tagħhom.
Għajnuna rigward is-sostenibilità diġitali
Nistednuk tingħaqad magħna fil-vjaġġ tagħna lejn is-sostenibilità diġitali. Din tista’ tkun ħaġa sempliċi bħall-esplorazzjoni tas-siti web tagħna fil-modalità skura li tikkontribwixxi għall-iffrankar tal-enerġija fuq l-apparat tiegħek stess.